Il-kwalità tad-data
Id-data li tintwera fuq dan is-sit web permezz tar-rapporti fuq il-web u outputs oħra ta’ data tiġi sottomessa b’mod elettroniku lil EudraVigilance Veterinary mill-awtoritajiet regolatorji tal-mediċini u mid -detenturi tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq (kumpaniji farmaċewtiċi) fiż-ŻEE. L-Aġenzija għandha kontroll limitat fuq il-kompletezza jew il-preċiżjoni tal-informazzjoni disponibbli.
L-informazzjoni fil-EudraVigilance Veterinary tevolvi fuq bażi ta’ kuljum, u l-għadd ta’ każijiet individwali jista’ jiżdied jew jonqos. Għaldaqstant huwa possibbli li l-informazzjoni ppubblikata fuq dan is-sit web permezz tar-rapporti fuq il-web tista’ tinbidel maż-żmien.
Tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet individwali li tintwera fi rapport web jista’ jseħħ għar-raġunijiet li ġejjin:
- jiġi riċevut rapport ta’ segwitu ta’ każ individwali eżistenti li fih il-mediċina veterinarja rrappurtata, is-sustanza rrappurtata jew l-event avvers suspettat rrappurtat jiġi mmodifikat mir-rapportatur, abbażi ta’ informazzjoni ġdida;
- jiġi sottomess rapport individwali ta’ event avvers minn aktar minn rapportatur primarju wieħed (eż. minn sid ta’ annimal, kif ukoll minn veterinarju) jew lil aktar minn organizzazzjoni waħda (kumpaniji farmaċewtiċi u awtorità regolatorja nazzjonali tal-mediċini); matul ir-rieżami tal-kwalità, dawn ir-rapporti duplikati jistgħu jiġu identifikati u jiġu kkombinati f’rapport wieħed;
- rapport ta’ event avvers individwali jiġi annullat (imneħħi) fuq talba ta’ min jibgħat, normalment minħabba li r-rapport ikun żbaljat.
Kun af li: fis-7 ta’ Novembru 2024, ġie implimentat aġġornament tad-data biex tiġi armonizzata d-deskrizzjoni tal-post “Eżitu” bejn il-pjattaforma EudraVigilance Veterinary Data Warehouse u s-sit web www.adrreports.eu/vet. B’riżultat ta’ dan, il-każijiet imniżżla qabel din id-data jistgħu juru informazzjoni dwar l-eżitu li tkun differenti mill-verżjoni attwali tal-istess każ. Huwa rakkomandat li l-utenti jeżerċitaw kawtela meta jqabblu d-data rkuprata qabel u wara dan l-aġġornament tad-data.


