Il-kwalità tad-data

Id-data murija fuq dan is-sit web permezz ta’ rapporti fuq il-web u outputs oħra tad-data tiġi sottomessa b’mod elettroniku lil EudraVigilance Veterinary mill-awtoritajiet regolatorji tal-mediċini u mid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (kumpaniji farmaċewtiċi) fiż-ŻEE. L-Aġenzija għandha kontroll limitat fuq il-kompletezza jew il-preċiżjoni tal-informazzjoni disponibbli.

L-informazzjoni f’EudraVigilance tevolvi kuljum, u n-numru ta’ każijiet individwali jista’ jiżdied jew jonqos. Għalhekk huwa possibbli li l-informazzjoni ppubblikata fuq dan is-sit web permezz ta’ rapporti fuq il-web tista’ tinbidel maż-żmien.

 Tnaqqis fin-numru ta’ każijiet individwali li jidher f’rapport fuq il-web jista’ jiġi spjegat permezz tar-raġunijiet prinċipali li ġejjin:

  • rapport ta’ segwitu ta’ każ individwali eżistenti jiġi riċevut fejn il-mediċina rrapportata, is-sustanza attiva rrapportata jew l-effett sekondarju rrapportat jiġi modifikat mir-relatur, abbażi ta’ informazzjoni ġdida;
  • rapport jiġi sottomess minn aktar minn relatur wieħed (eż. sid ta’ annimal u veterinarju); waqt ir-rieżami tal-kwalità, dawn ir-rapporti dupplikati jistgħu jiġu identifikati u jiġu kkombinati f’rapport wieħed;
  • rapport jiġi annullat (jitneħħa) fuq it-talba ta’ min bagħtu, normalment minħabba li r-rapport ikun żbaljat.
 EMA
EudraVigilance